Il-Karriera Fis-Settur Diġitali

Publication Date: Jan 03, 2018


Is-Settur tat-Teknoloġija, Informatika u t-Telekomunikazzjoni dejjem kien attiv ħafna, u interessanti fir-rigward tal-karrieri.  Dejjem kien hemm nuqqas ta' riżorsi f'dan il-qasam, u nistgħu ngħidu b'mod sikur li karriera fis-settur diġitali tfisser li qatt mhu ser tispiċċa mingħajr xogħol.  Barra minn hekk, dejjem issib dak li qed tfittex f'karriera tal-ICT.

Meta tidħol għall-karriera fl-ICT tfisser ukoll li qed tieħu professjoni, bħal professjonijiet rikonoxxuti oħra ta' avukati, periti, inġiniera, tobba u ħafna oħrajn.  Apparti mill-edukazzjoni ta’ kwalita eċċelenti li tista' tittieħed lokalment, hemm ukoll ħafna istituzzjonijiet professjonali tal-ICT, li jgawdu rikonoxximent internazzjonali, li persuna tista' tistudja magħha u anki saħansitra issir membru tagħha.  Sfortunatament, minħabba li s-settur diġitali huwa ħafna mgħaġġel, innovattiv u populari, xi kultant ninsew li din il-linja hija ukoll professjoni serja ħafna. 

Imma x'inhuma t-toroq tal-karriera fl-ICT li jeżistu f'Malta?  Dan l-artiklu jagħti idea tajba ta' x'tista' tagħmel persuna biex tieħu din il karriera.  L-ewwelnett , huwa importanti li wieħed jinnota li s-settur Diġitali f'Malta huwa wieħed mill-aktar attivi fost il-pajjiżi Ewropej.  Dan mhux biss għaliex għandna settur tal “i-gaming” b'saħħtu u prominenti, iżda wkoll għaliex hemm ħafna kumpaniji tal-ICT lokali u barranin li qed jagħmlu ħafna suċċess fis-swieq internazzjonali digitali.  Għalhekk, mhux sorprendenti li llum issib ħafna kumpaniji tal-ICT, li huma ibbażati ġo Malta li jimpjegaw mijiet ta’ Maltin. 

Jeżistu ħafna modi kif student jista’ jibda fuq karriera tal-ICT.  L-edukazzjoni formali għadha ħafna popolari u mfittxija.  Wara li persuna tkun segwit b’succes studji tal-edukazzjoni sekondarja , u kisbet l-eżamijiet meħtieġa, allura l-persuna tista’ tkompli billi tidħol għal wieħed mid-degrees terzjarji tal-ICT li jeżistu fl-Università ta’ Malta, l-MCAST, jew wieħed mill-Universitajiet barranin li joffru korsijiet bħal dawn.  F’Malta, degrees min Universitajiet barranin saru ukoll pilastru qawwi ta' l-Edukazzjoni Terzjarja ta' l-ICT.  Dawn jinkludu l-Universitajiet ta' Londra, Middlesex, Hertfordshire, Leicester u Derby fost l-aktar popolari.  Kemm il-Kulleġġi u Universitajiet Maltin u barranin joffru bosta programmi ta' studju interessanti u li huma mitluba regolarment mil-industrija tal ICT.  Naturalment, il-kwalifikazzjonijiet u l-programmi ta’ studji barranin iridu jiġu akkreditati mill-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Ogħla (NCFHE) għall-programmi tagħhom.  Il-websajt tal-NCFHE għandha lista ta’ dawn il-kwalifiki (ncfhe.gov.mt). 

Mod ieħor fl-edukazzjoni formali għal edukazzjoni ulterjuri u ogħla fl-ICT huwa dak ta' studju għal ċertifikazzjonijiet u diplomi minn kulleġġi u istituzzjonijiet.  Bħala eżempju, l-MCAST joffri lil dawk l-istudenti li ma kisbux, jew mhumiex inklinati li jiksbu, eżamijiet sekondarji, biex jistudjaw l-ICT minn livell ta' Ċertifikat (MQF 1-3), Diploma u Diploma Avvanzata (MQF 4) u eventwalment Bachelors jew Master's Degree (MQF 5-7).  Barra minn hekk, dawn l-istudji jistgħu jittieħdu bħala Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (VET). 

Wieħed għadu ukoll jsib individwi li ma jridux isegwu l-Edukazzjoni Ogħla u Terzjarja u f'dan il-każ, pilastru ieħor importanti ħafna fl-edukazzjoni tal-ICT huwa l-istudju ta' Ċertifikazzjonijiet tal-Industrija li huma rikonoxxuti ħafna.  Xi wħud minn dawn iċ-ċertifikazzjonijiet huma speċifiċi għal Industrija, bħal eżempju Microsoft, Cisco, Oracle, IBM, HP, Brocade, Red Hat, SAP, u bosta ċertifikazzjonijiet oħra .  Dawn il-kwalifikazzjoniet jiffukaw fuq it-teknoloġiji speċifiki.  

Hemm ukoll kwalifiki oħra tal-Industrija. Dawn il-kwalifiki huma eqreb għas-suġġetti li jiġu studjati fil-kulleġġi u l-Universitajiet.  Madankollu, dawn il-kwalifiki huma mmexxija u magħġuna mill-industrija u huma hafna imfittxija.  Dawn jinkludu kwalifiki fis-suġġetti tas ‘Systems Analysis, Process Analysis, Software Architecture, Service management, Risk Analysis, u ħafna oħrajn.  Nies b’dawn il-kwalifiki għandhom ċans kbir li jsibu xogħol fis-settur tal-ICT. 

Importanti ħafna, wieħed għandu jsemmi li l-esperjenza hija ta’ importanza kbira, u dan jinkludi kemm esperjenza teknika kif ukoll esperjenza korporattiva.  Xejn ma jista jissostitwixxi l-esperjenza,  għalhekk, flimkien ma' kwalunkwe tip ta' edukazzjoni, wieħed verament isir professjonali meta tinkiseb l-esperjenza fix-xogħol.  Fil-fatt, ħafna stabbilimenti edukattivi jappoġġjaw u jinkoraġġixxu postijiet tax-xogħol jew ikollhom ‘work placements’ jew apprendistati integrati tax-xogħol. 

Fl-aħħar, iżda mhux l-inqas, kwalunkwe livell ta' edukazzjoni, kemm jekk formali, informali, jew industrijali, jistgħu jiġu segwiti onlajn permezz ta' programm ta’ ‘e-learning’.  Forsi f'Malta dan għadu mhux popolari biżżejjed, iżda hija għażla vijabbli ħafna u effettiva li ħafna drabi tonfoq inqas fi flus, pero mhux bilfors fil-ħin.  Wieħed jista' jsib edukazzjoni kredibbli ħafna minn diversi kulleġġi, Universitajiet u Istituzzjonijiet ta' reputazzjoni għolja ħafna, fuq is-suġġetti kollha tat-teknoloġija u l-informazzjoni.  L-edukazzjoni onlajn li tispicċċa b’ċertifikat is-soltu trid tabbona u tħallas għaliha. Pero, hemm ukoll ammont tajjeb ta' edukazzjoni onlajn b'xejn li wieħed jista' jibda biex  jiżviluppa aktar  għarfien u l-ħiliet f’ħafna suġġetti. 

Jekk xi ħadd jistaqsini ‘Liema hija l-aħjar edukazzjoni tal-ICT, allura definittivament nirrispondi li hija edukazzjoni mħallta b’dik formali u kwalifiki tal-industrija, b’doża tajba ta' esperjenza.  Imma, kif juri dan l-artiklu, hemm karriera għal kulħadd f'din l-industrija diġitali attiva u interessanti  ħafna.

Carm Cachia - Executive Coordinator eSkills Malta Foundation